Jammetti li hedded lill-ġenituri; Jinżamm arrestat

Raġel inżamm arrestat wara li ammetta li hedded u ta’ fastidju lill-ġenituri tiegħu. Ir-raġel ta’ 28 sena mill-Imsida tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras il-Ħadd filgħodu. Il-każ mistenni jiġi deċiż nhar il-5 ta’ Awwissu.

Il-Prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Christina Delia spjegat kif ir-raġel għandu problema finanzjarja u spiss imur għand il-ġenituri tiegħu jitlobhom għall-flus. Spjegat li meta dawn irrifjutaw li jagħtuh iktar flus għad-droga, huwa sar vjolenti u kisser il-bieb.

Ir-raġel ġie akkużat li hedded li joqtol lill-ġenituri tiegħu, li ta fastidju lill-ġenituri tiegħu, li bl-imġieba tiegħu kkawża biża’ lill-ġenituri tiegħu u li kisser il-bieb tal-appartament tal-ġenituri tiegħu.

L-avukat tal-għajnuna legali Charmaine Cherrett qalet lill-Qorti li l-akkużat għandu problema tad-droga.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.