Jammetti li hedded bi vjolenza fuq il-pulizija; jinħeles

Raġel li kien tpoġġa taħt arrest wara li kiteb xi kummenti ta’ theddid fuq il-midja soċjali kontra uffiċjali tal-pulizija ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta għal li għamel.

Ir-raġel ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar ġie arrestat 12-il ġurnata ilu, wara li xi kummenti li kiteb fuq Facebook tqiesu bħala sfruttar tal-libertà tal-espressjoni.

Taħt artiklu li jgħid li l-pulizija jwaqqfu madwar 26 persuna kull siegħa minħabba veloċità eċċessiva, ir-raġel kiteb, “Sew jagħmlu min itajjarhom u jibqgħu sejrin,” b’referenza għall-każ ta’ hit and run tal-Pulizija Simon Schembri.

Għall-bidu, ir-raġel qal li mhuwiex ħati li pprova jħeġġeġ lil min iwettaq reat kriminali u ma jobdix il-liġi, u għal mibegħda razzjali, kif ukoll għall-użu ta’ mezz soċjali għal theddid. Ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ libertà proviżjorja, u li hu riċediv.

Waqt l-ewwel smigħ illum, l-akkużat qal li hu ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ħelsitu b’depożitu ta’ €2,000, garanzija personali ta’ €10,000 u bil-qbil li jiffirma fl-għassa kuljum, u li jkun id-dar bejn il-11pm u s-7am.