Jammetti l-akkużi ta’ vjolenza domestika; probation u multa

Read in English.

Raġel ta’ 35 sena tpoġġa taħt probation wara li ammetta akkużi ta’ vjolenza domestika.

Fil-Qorti r-raġel mir-Renju Unit li joqgħod il-Gżira wieġeb ħati li ġiegħel lil martu u lit-tfal tiegħu jibżgħu li kien se juża l-vjolenza. Ġie akkużat li kisser bieb intern u li hedded lil uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

L-Ispettur Jonathan Ransley talab għal ordni ta’ trattament għall-akkużat u għal ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata li r-raġel għandu problema tax-xorb. Poġġietu fuq probation order għal tliet snin biex ikun jista’ jindirizza din il-problema. Laqqat ukoll multa ta’ €800.

Ingħata permess jagħmel arranġamenti ta’ kustodja tat-tfal permezz tal-probation officer tiegħu.

L-avukata tal-għajnuna legali kienet Graziella Tanti.

Il-Qorti ordnat li isem ir-raġel ma jistax jixxandar.