James Dean jingħata parti f’film ġdid

Aktar minn 60 sena minn mindu miet f’inċident bil-karozza, l-attur James Dean se jkun qed jerġà jirritorna fuq l-iskrins taċ-ċinema permezz ta’ film ġdid, Finding Jack, li se jkun qed jinħadem aktar tard din is-sena.

Magic City Films ħabbru li kisbu d-drittijiet mingħand il-qraba tal-attur li miet fl-1955 biex jagħtuh parti fil-film li se jkunu qed jaħdem.

Il-film huwa bbażat fuq in-novella li ġġib l-istess isem tal-film u li nkitbet minn Gareth Crocker.

Fil-karriera tiegħu James Dean kien ħadem fi tlett films u l-familjari tiegħu qed iqisu dan il-film ġdid bħala r-raba’ wieħed.

Il-kumpanija li se taħdem dan il-film se tkun qed tagħti l-ħajja mill-ġdid lil Dean permezz ta’ VFX, process ta’ effetti viżwali u b’hekk permezz ta’ ritratti u filmati li fihom hemm Dean ikunu jistgħu jinkluduh f’diversi xeni li l-producers tal-film iħossu li Dean biss seta’ jkun l-attur ideali għalihom.

Għalkemm wieħed irid jistenna l-prodott finali biex jifhem sew kif se jaħdem dan il-proċess, din it-teknoloġija tista’ tkun biss il-bidu biex artisti li m’għadhomx magħna xorta jibqgħu jidhru f’xi produzzjonijiet ċinematografiċi li se jinħadmu fis-snin li ġejjin.

AQRA: Bħal-lum 64 sena miet James Dean