Jallegaw preferenzi fil-proċess għall-promozzjonijiet fil-ħabs

Facebook

Uffiċjali korrettivi qed iħossuhom żvantaġġjati dwar il-postijiet vakanti għal promozzjonijiet li nħarġu fl-aħħar ġimgħat.

Ma’ Newsbook.com.mt, uffiċjali korrettivi qalu wkoll li jinsabu mdejqin minħabba li forzi dixxiplinarji oħra ngħataw benefiċċji b’kundizzjonijiet tajbin bi ftehim kollettiv ġdid u tagħhom baqa’ l-art għal diversi snin.

Ritratt: Facebook

Irreferew ukoll għal sejħiet interni għall-pożizzjoni ta’ Surġent Maġġur jew kif inhuma magħrufa “Uffiċjal Korrettiv Anzjan”. Allegaw li l-proċess hu wieħed ivvizjat “biex jinqdew għadd ta’ uffiċjali magħrufa li huma qrib ħafna tal-amministrazzjoni jew tal-Partit Laburista, bħalma ġara fl-aħħar sejħa fl-aħħar sentejn”. Fissru li dan fid-dawl li elezzjoni ġenerali tinsab wara l-bieb.

Ritratt: Facebook

Dwar is-sejħa għal Assistent Manager Korrettiv jew kif qed jissejjaħ “kaptan korrettiv” ukoll hemm tħassib li lesta għal persuni qrib l-amministrazzjoni. Skont l-uffiċjali, dan minħabba li l-persuni eliġibbli huma magħrufa sew u li bejniethom teżisti pika kbira dwar min se jkollu l-aħjar pensjoni u l-iżjed poter.

Vakanza oħra hija għall-kariga ta’ Uffiċjal Kap tal-Amministrazzjoni. Dan hu rwol ġdid fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li jaqa’ taħt Skala 5. Din il-kariga b’ħafna responsabiltajiet u “internament kulħadd jaf min se jeħodha”. Jidher li din il-kariga hija simili għal dik ta’ Kap tal-Operat u l-Amministrazzjoni.

Imma x’qed jallegaw li qed isir?

  • Meta ħarġu l-aħħar sejħiet għall-Maġġuri, kien meħtieġ li l-applikanti jkunu ilhom jaħdmu fil-ħabs għal mill-inqas sentejn, minflok ħames snin. Dan wassal biex dawk li daħlu l-aħħar u mingħajr daqstant esperjenza allegatament ħadu promozzjoni, filwaqt li l-oħrajn baqgħu l-art.
  • L-età biex tidħol taħdem il-ħabs niżlet minn 21 għal 18-il sena. Dan sar kontra dak li hemm fil-ftehim kollettiv. Dan wassal biex uħud mill-uffiċjali ma jkunux maturi biex jaqdmu dmirhom.
  • Fil-ħabs hemm ambjent ta’ klikek. Id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli tkellem ħafna drabi dwar dan fejn iddikjara li ma jridx klikek fil-ħabs. Imma dawn jallegaw li taħtu hemm il-klikek ukoll.
  • Barra minn hekk, hemm uffiċjali oħra li qed jiġu promossi fil-grad ta’ Lance Corporal, kapural jew surġent. Madanakollu, minkejja t-titli ġodda ta’ Lance Corporal, Surġent Maġġur, Kaptan Korrettiv, Surġent, Logutenent u Kaptan, mhumiex rikonoxxuti mill-ftehim kollettiv u mill-iskali tal-gradi tal-paga tal-Gvern.

Dan qanqal tħassib minn uffiċjali fil-Faċilità, li qalu li dan ifisser li dawn il-karigi huma potenzjalment nulli quddiem il-liġi.

Is-sorsi semmew kif anke l-infermiera u t-tobba ngħataw il-gradi u l-uniformijiet tal-korp dixxiplinarju. L-infermiera se jerġgħu jibdew jilbsu uniformi ta’ infermiera imma qegħdin fil-grad ta’ Surġent Maġġur, filwaqt li tobba qegħdin fil-grad ta’ Supretendent. 

L-istess uffiċjali semmew kif fil-ġimgħat li għaddew Supervisor jew kif inhu msejjaħ logutenent, qatta’ xhur sħaħ jaħdem il-ħabs bħala persuna ta’ fiduċja (person of trust) imbagħad ħa l-kariga ta’ Direttur tad-Detenzjoni, fejn mar iservi fil-postijiet fejn jinżammu l-immigranti. Madanakollu hu mifhum li issa daħal lura l-Faċilità Korrettiva fi skala aktar baxxa, dik ta’ kaptan.

Uffiċjali Korettivi esprimew ix-xewqa tagħhom li jinħatar bord estern, li “jkun verament imparzjali u jaċċerta li ma jsiru l-ebda preferenzi”.

Vendikazzjonijiet jew preferenzi?

L-uffiċjali li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li “minkejja l-wegħda tal-meritokrazija qed isiru ħafna vendikazzjonijiet jew preferenzi. Hemm uffiċjali li ma jistgħux jersqu lejn il-ħabs f’Raħal Ġdid u jaħdmu biss ma’ priġunieri fl-isptarijiet, fit-Taqsima Forensika, fil-CoRRs f’xi konfini oħra. Dan kollu fuq għajdut li għamlu xi ħaġa ħażin, suspetti jew għax mhumiex tal-qalba”.

Dwar dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fil-ġimgħat li għaddew qal li kull uffiċjal korrettiv hu mitlub jagħti s-servizz tiegħu lejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi skont l-esiġenzi tas-servizz. Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li staqsa jekk hux minnu li hemm gwardjani tal-ħabs li għandhom ordnijiet stretti fil-konfront tagħhom li m’għandhomx iservu fil-Ħabs ta’ Kordin.

Habs-kordin-cwievet-kuritur1

L-uffiċjali li kellmu lil dan is-sit semmew kif ġiet impjegata infermiera qariba ta’ uffiċjal għoli fil-ħabs kif ukoll ċaqliq ieħor intern “biex jiġu aġevolati nies tal-qalba”. Stqarrew li f’ċerti każi joħorġu sejħiet imma jintgħażlu nies qrib jew qraba ta’ uffiċjali għolja tal-ħabs. “Aħna li ilna nservu għal żmien twil inħossuna traduti, użati u mormija. Qed nesperjenzaw ukoll insulti, umiljazzjoni u preferenzi minn uffiċjali għolja, anke waqt il-fall in”. Fissru li dak li qed jiġi allegat li għamel id-Direttur tal-Ħabs mal-avukat ta’ Yorgen Fenech, huwa eżempju ċar tal-attitudni tiegħu.

Overtime skont min int?

L-uffiċjali li tkellmu ma’ Newsbook qalu li ssir diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali tal-ħabs stess. Dan anke f’dak li jitratta s-sahra. Semmew kif il-fizzjali jitħallsu għal overtime minkejja li mhumiex intitolati għalih fil-ftehim kolletiv, filwaqt li sahra għall-uffiċjali naqset b’mod drastiku. L-uffiċjali spjegaw li dan minbarra l-attitudni arroganti lejhom mill-amministrazzjoni “għax m’applikajniex għas-sahra”.

Kundizzjonijiet tax-xogħol tal-1994

Diversi uffiċjali korrettivi esprimew id-diżappunt tagħhom minħabba li l-aħħar ftehim kollettiv tagħhom sar f’Mejju tal-1994. Fissru li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ilhom jaqgħu lura għal snin twal. “Ilna madwar tliet snin li ppreżentajna l-proposti tagħna għal ftehim kollettiv ġdid, u sal-lum il-Gvern ma kkonkluda xejn. Mill-Ministeru jgħidulna li l-proċess miexi, imma ma wasalna mkien”, żiedu jgħidu. Irrimarkaw li l-amministrazzjoni tal-ħabs iddikjarat li qed tagħmel l-almu tagħha u li kollox wieqaf mill-Ministeru.

Intant, fuq il-mezzi soċjali, is-Sezzjoni tal-General Workers Union għall-Forzi Dixxiplinati, Sigurtà u Liġi, qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se tkompli taħdem biex tilħaq ftehim għal kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

X’jista’ jsir biex ma jibqgħux isiru dawn l-inġustizzji?

Ikkummenta hawn taħt biex tagħti l-opinjoni tiegħek