Jallega li xi uffiċjali tal-NAO huma motivati minn partiġjaniżmu politiku

L-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon allega li xi uffiċjali tal-Awditur Ġenerali (NAO) qed jinqdew bl-uffiċċju tagħhom għal skopijiet partiġġjani. Allega li dawn qed jiddettaw l-aġenda ta’ dan l-uffiċċju u waqt li jimbuttaw każi ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-Gvern preżenti, jħallu lura biex “jintesew” investigazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni preċedenti.
Falzon kien qed jitkellem waqt l-aġġornament tas-seduta ta’ llejla. Huwa qal li kliemu kien motivat mix-xewqa tiegħu li “toħroġ il-verità u jittieħed ġudizzju kif għandu jittieħed”. Tenna l-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss trid issir, imma tidher li qed issir u sostna li jekk hemm xi mkien fejn wieħed jippretendi trasparenza u kontabbiltà għandu jkun uffiċċju kostituzzjonali bħal dak tal-Awditur Ġenerali.
Huwa identifika erba’ persuni li fl-opinjoni tiegħu għandhom aġenda politika: Keith Mercieca li ddeskrivieh bħala l-perċimes tal-politika partiġġjana f’dan l-uffiċċju; lil Josephine Vella, li qal li hija mart kandidat tal-Partit Nazzjonalista; lil Antoinne Calleja li skont Falzon huwa eks-membru tas-Segretarjat Privat ta’ Jason Azzopardi u ħabib ta’ dan; kif ukoll lil bint l-eks-Kap taċ-Ċivil Godwin Grima.
Falzon saħaq li huwa mhux qed jattakka lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u tenna li wissa dwar l-aġir ta’ dawn il-persuni qabel ma ħareġ ir-rapport dwar Triq iż-Żekka. Ikkundanna l-imġieba ta’ dawn il-persuni bħala “tal-mistħija” u li “mhux denji ta’ posthom”. Saħaq li l-uffiċjali tal-Awditur Ġenerali jridu jkunu xempju ta’ isimhom u mhux jinħbew wara l-paraventu u qal li “xi ħadd irid iċartilhom il-purtiera”.
Huwa talab lill-Ispeaker Anglu Farrugia biex investiga l-aġir ta’ dawn fosthom kif minn ħames investigazzjonijiet dwar id-dipartiment tal-artijiet li tressqu bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien, dak dwar Triq iż-Żekka kien ppubbklikat u erbgħa, li jirrigwardjaw amministrazzjoni preċedenti, baqgħu ma ġewx investigati. Dan meta kien jagħmel sens li dawn jiġu investigati f’daqqa biex joħorġu xejriet jekk kien hemm. Staqsa jekk dawn tħallewx fil-ġenb biex jintesew. Qal li f’wieħed minnhom hemm minuta fejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi jgħid b’mod espliċitu li azzjoni partikolari kienet se ġġib il-kundanna tal-Awditur Ġenerali u l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi u li minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali baqa’ ma temmx l-investigazzjoni tiegħu dwar il-każ.
Talab ukoll biex l-Ispeaker isejjaħ laqgħa mal-Uffiċċju tal-Awdiur Ġenerali dwar dan kollu u dwar talba li huwa għamel għall-addendum għar-rapport dwar Triq iż-Żekka liema addendum, waqt li ma jiċħadx ir-rapport oriġinali, jġib is-seba' kjarifikazzjonijiet li ħarġu waqt il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Sostna li l-Awditur Ġenerali qallu li “din mhux il-prassi” u staqsa x’hemm ħażin li jsir addendum bħal dan.