Aġġornata (2): Farage jistaqsi kemm Malta tat viżas lill-ISIS

Read in English.

L-Ewroparlamentari Ingliż Nigel Farage fuq Twitter staqsa kemm hemm minn dawk li xtraw il-viża jissapportjaw lill-grupp terroristiku ISIS. Mat-Tweet huwa żied artiklu li deher fil-ġurnal Slovak, The Slovak Spectator, li jirrapporta dak li qal ilbieraħ l-Ewroparlamentari Slovak Branislav Škripek.

Škripek, li huwa wkoll ċ-Ċermen tal-Moviment Politiku Kristjan Ewropew (ECPM) allega li l-Gvern Malti biegħ 88,000 viża għaż-żona Schengen u l-viżas addizzjonali għar-raġunijiet ta’ saħħa fil-Libja.

Fl-allegazzjonijiet tiegħu, Škripek semma lil Neville Gafa, li jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dwar l-iskandlu tal-visas, il-Membru Parlamentari Ewropew qal li kien avviċinat miċ-Ċermen tal-Alleanza Bidla li hija wkoll parti mill-Moviment.

Huwa saħaq dak li diġà qal Grech Mintoff, li minn dal-bejgħ jista’ jirriżulta li xi terroristi għandhom aċċess għall-Unjoni Ewropea bix-xiri ta’ dawn il-viżas.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili u l-Ġustizzja (LIBE), Škripek talab lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina l-każ mill-iktar fiss possibbli u tieħu azzjoni biex b’hekk tiżgura s-sigurtà fl-Ewropa.

L-Ewroparlamentari Slovakk semma kif Grech Mintoff kellmu dwar l-viżas għaż-żona Schengen u viżas għar-raġunijiet tas-saħħa li allegatament inbiegħu mill-Gvern Malti bejn 2013 u l-2014.

Qal li Grech Mintoff qallu li ħajtu tinsab fil-periklu minħabba li ħareġ fil-pubbliku dawn l-allegazzjonijiet. It-Tnejn li għadda Grech Mintoff ippreżenta dokument fil-qorti dwar dan il-każ.

Skont kif ikkwotat aġenzija tal-aħbarijiet Slovakka fid-diskors tiegħu Škripek qal li Grech Mintoff ħadem mar-refuġjati li ġibdulu l-attenzjoni dwar il-bejgħ tal-viżas.

Id-Deputat Parlamentari Julia Farrugia Portelli wieġbet it-tweet ta’ Farage u sostniet li n-numru ta’ viżas maħruġa huma ħafna inqas minn dak li kkwota Farage filwaqt li żidet infografika li turi li Malta hi fost il-ħames pajjiżi bl-iktar rata għolja ta’ viżas miċħuda.

Minn dak li ġie rraputat fil-ġurnal Slovakk, The Slovak Spectator, Škripek jemmen li l-Gvern mhux jieħu l-passi meħtieġa fil-każ u qed jipprova jitfa kollox taħt it-tapit.