“Jalla titbissem l-istess tbissima li int stess nissilt matul is-snin lil ħafna nies”

Awguri lill-attur u preżentatur Hector Bruno f’għeluq il-61 sena tiegħu. Twieled bħal-lum is-6 ta’ Lulju tal-1959.

Fost l-ewwel messaġġi li tfaċċaw fuq il-midja soċjali kien hemm dak ta’ Roberta Magri li konna rajna f’sensiliet bħal F’Salib It-Toroq, Tereża u Santa Monika. Għalkemm qatt ma ħadmet miegħu fuq xi produzzjoni, Roberta kienet iltaqgħet ma’ Hector meta kien mar iżurha d-dar tagħha u aktar il-quddiem kienet intervistatu għal rivista lokali.

“Ilni nsegwik minn meta kont tifla ċkejkna. Maż-żmien bdiet tinbet ammirazzjoni kbira mhux biss għall-kapaċitajiet tiegħek f’dak kollu li twassal lil min isegwik iżda wkoll għall-personalità tiegħek. Għalija mhux biss ikona tat-teatru Malti u komiku iżda wkoll ispirazzjoni. Grata immens li kelli x-xorti u l-unur li niltaqa’ miegħek personali, insir nafek aħjar u anki nintervistak. Awguri mill-qalb f’għeluq sninek għażiż Hector. Jalla titbissem l-istess tbissima li int stess nissilt matul is-snin u li għadek tnissel lil ħafna nies, illum u kuljum. Grazzi. Rispett, gratitudni u mħabba dejjem,” jgħid il-messaġġ ta’ Roberta lil Hector f’okkażjoni ta’ għeluq sninu.

Ritratt: Facebook/RobMagri

Hector huwa mill-Belt Valletta u huwa magħruf ħafna għall-partijiet li interpreta, fosthom f’KC, Sisters u Id-Dar tas-Soru.

Ħadem ukoll fil-film Maltaforce u anke f’diversi pantomimi bħal Ziggy Lulu.

Dan apparti l-impenji tiegħu fi programmi bħal Studio Għat-Tfal u Ejjew Nidħku Ftit, Sisters u It-Tnejn ‘l Huma.

Għal bosta snin Hector kien ġurnalist u beda l-karriera ma’ In-Nazzjon Tagħna u aktar tard laħaq deputat editur. Huwa kien ukoll editor tar-rivista Il-Kapitali.

Hector kien ukoll l-ewwel Sindku tal-Belt Valletta meta saru l-ewwel elezzjonijiet tal-kunsill lokali fl-1992.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Hector f’għeluq sninu.