​Jalla nkunu bħal San Ġorġ Preca: ma nistħux inxandru l-verità – L-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ħeġġeġ biex isir talb lil San Ġorġ Preca biex dak li jkun ma jistħix ixandar bir-reqqa l-Kelma tal-Verità.
L-Arċisqof qal dan waqt l-omelija tiegħu fil-festa ta’ San Ġorġ Preca fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera lbieraħ.
Hu ħeġġeġ ukoll biex isir talb lil San Ġorġ  biex il-poplu ta’ Alla, fuq il-passi u fuq l-eżempju tiegħu, ikun magħmul minn suldati, atleti, bdiewa u nies li ma jibżgħux mill-prova imma qatt ma jaqtgħu qalbhom.
L-Arċisqof stqarr li s-suldat jaf id-dixxiplina u l-ikbar dixxiplina tas-suldat hija l-ubbidjenza. Fakkar f’dak li qalu t-teoloġi tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin fil-proċess għall-beatifikazzjoni tiegħu dwaru. Jiġifieri li San Ġorġ huwa eżempju sabiħ ta’ ubbidjenza anke meta l-ubbidjenza tiswa ħafna.
Mons. Scilcuna qal li “veru kien jgħid li fil-futbol kienu jħalluh għall-aħħar u kienu jgħidulu ‘ż-Żero’ u ma setax jilgħab ħafna u ma tantx kien magħruf għall-atletiċità fiżika tiegħu. Imma  huwa atleta tal-ispirtu li jgħallimna, b’mod speċjali fil-ġinnasju, fil-kombattiment spiritwali.
Waqt il-quddiesa nqara qari li kien għażiż ħafna għal San Ġorġ Preca – it-Tieni Ittra lil Timotju.
Silta partikolari tgħid: “Kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta' fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn” (2Tim 2:2).
Skont l-Arċisqof, b’dawn il-kliem San Ġorġ Preca għaraf il-missjoni tiegħu.
Mons. Scicluna qal li San Ġorġ tħabat biex dak kollu li sema’ mill-għajn safja tal-Knisja, ikun jista’ jafdah lil sħabu li l-Mulej kien laqqgħu magħhom u li kienu lajċi. San Ġorġ ħass li kellhom il-kapaċità u kienu nies biżżejjed ta’ fiduċja li jilqgħu t-tagħlim kollu tal-Knisja.
Tista’ tara r-ritratti li ttieħdu waqt il-festa minn hawn.
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace