“Jalla l-Mulej ibierkek b’ferħ, imħabba u kuntentizza”

Mariella u George Debono

Mariella Pace Asciak illum qed tiċċelebra għeluq it-62 sena tagħha u proprju minn lejliet dan il-jum wasal il-messaġġ ta’ awgurju minn żewġha George Debono li kitbilha li “Jalla l-Mulej ibierkek b’ferħ, imħabba u kuntentizza”.

Żgur li Mariella tibqa’ assoċjata mal-kanzunetta Mhux Jien Mamà, iżda l-karriera tagħha tmur oltre minn din is-silta li kienet ħarġet ma’ binha Geordie. Kienet ukoll ħarġet Se Jaqgħali l-Pipì mat-tifel l-ieħro Malvin.

Mariella mal-ġenituri fil-jum tat-tieġ tagħha

Mariella bdiet tkanta meta kellha 12-il sena u l-ewwel esperjenza tagħha fuq il-mezzi tax-xandir kien kmieni fis-snin 70 fil-programm Studio għat-Tfal, imbagħad bdiet tkanta fil-pubbliku f’lukandi u stabbilimenti oħra u tieħu sehem fil-festivals. Kienet tmexxi l-programm Maltin Aħna fuq Radju Malta, għamlet żmien tmexxi programmi ta’ krafts u teleshopping fuq diversi stazzjonijiet u anki għamlet żmien tippreżenta l-breakfast show fuq Super One Television li tiegħu anki kienet rebħet unur. Kienet ukoll tippreżenta fuq l-istazzjon Favourite.

Lil Mariella dan l-aħħar rajnieha fuq it-televiżjoni mistiedna fuq żewġ programmi li qanqlu ħafna interess. L-ewwel wieħed kien X’Sar Minnhom fuq TVM.

Rajnieha wkoll waqt il-programm Sibtek fejn ukoll introduċiet il-kelba Barbie, li hija tant għal qalbha u qalb żewġha George.

Ad multos annos Mariella!