J’Alla l-2021 tkun sena ta’ solidarjetà fraterna u paċi lil kulħadd – Il-Papa

Read in English.

Fil-ġurnata ddedikata lill-paċi fid-dinja, il-Papa Franġisku qal li t-tbattija li soffriet l-umanità is-sena li għaddiet minħabba l-pandemija, uriet kemm hu necessarju li kulħadd jinteressa ruħu f’dak li għaddej minnu ħaddieħor.

“Din l-imġieba hi t-triq li twassal għal paci minħabba li ffavurixxi t-twaqqif ta’ soċjetà mibnija fuq rapporti ta’ ħbiberija fraterna,” spjega l-Papa.

Waqt it-talba tal-Anġelus, il-Papa Franġisku qal li “kull wieħed mill-irġiel u n-nisa f’din id-dinja hu msejjaħ biex iġib il-paċi fid-dinja, billi ħadd minna ma jkun indifferenti għal dak li qed jiġri lill-ħaddieħor.”

“Kull jum f’kull ambjent tal-ħajja, noħorġu l-id tal-ħbiberija lil min għandu bżonn imqar kelma ta’ konfort, ġest ta’ ħniena u ta’ għajnuna. Din hi l-biċċa xogħol li qed jafda f’kull wieħed minna l-Mulej Ġesù,” spjega l-Papa.

Il-Papa Franġisku awgura s-sena l-ġdida t-tajba lid-dinja, fl-indirizz tiegħu li sar mill-Bibjoteka tal-palazz Apostoliku fil-Vatikan.

B’ton sofferenza kbira, Papa Franġisku talab lill-Insara biex jitolbu għalih.

Il-Papa Franġisku ma jippresiedi ċ-ċerimonji ta’ tmiem is-sena u tal-bidu tas-sena l-ġdida għax qed ibati bl-uġigħ tax-xatka. Fil-fatt, l-omelija tiegħu nqrat mill-Kardinal tal-Stat tal-Vatikan Pietro Parolin. 

Fl-2017 kien tħabbar li l-Papa jbati bix-xatka, wara li fl-2013 kien qal lill-ġurnalisti li l-agħar ħaġa li kienet ġratlu kien attakk tax-xatka.

Hu jingħata trattament mediku li jikkonsisti f’massaġġi u żewġ injezzjonijiet fil-ġimgħa biex jonqoslu l-uġigħ.

Din il-kundizzjoni tiġi min-nerv maqrus kaġunat minn difett f’xi rukkell tax-xewka tad-dahar.