Ġurnata speċjali għall-attriċi Josette Mazzonello li tinterpreta l-karattru ta’ Bernice fis-sensiela Division 7. Illum hija u żewġha Dino qed jiċċelebraw il-31 anniversarju mindu qalu signor si lil xulxin.
“J’Alla jkollna aktar snin flimkien. Għalkemm tul dan il-vjaġġ kien hemm ħafna intoppi nirringrazzja lil Mulej li dejjem irnexxielna ngħelbuhom,” huwa l-messaġġ li Josette permezz ta’ newsbook.com.mt għaddiet lil żewġha proprju għal din l-okkażjoni.
Hi żiedet ukoll il-kelma “ti amo” – “inħobbok” bil-lingwa ta’ żewġha Dino.
Il-koppja kienu ltaqgħu l-Belt, fi Strada Rjali meta kienu jaraw lil xulxin jippassiġġjaw. Wara għamlu madwar sena u tmien xhur għarajjes sakemm waslu għal jum biex Josette Vella u Dino Mazzonello wegħdu mħabbithom lil xulxin.
Il-koppja għandhom tifel, Davide.
Apparti f’Division 7 lil Josette konna narawha wkoll fuq it-televiżjoni f’Santa Monika, Undercover, Il-Ġardinar u l-Fjuri kif ukoll ABC.
Nawguraw lil Josette u Dino l-isbaħ xewqat f’dan il-jum u għal aktar snin ta’ mħabba.