Jakkuża li kien il-pulizija li attakkah l-ewwel

Ingliż ġie akkużat li weġġa’ ħafif lil żewġ uffiċjali tal-pulizija f’San Pawl il-Baħar.  Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat qal li meta kien qed jinżamm arrestat fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija, ingħata kopja tal-yellow pages biex jagħżel avukat.  
L-Ingliż ta’ 33 sena deher quddiem il-Qorti mingħajr avukat.  Meta mistoqsi mill-Maġistrat għalfejn ma kienx akkumpanjat minn avukat, l-akkużat qal li dan ma kienx ġuri.
F’mument minnhom l-Ingliż ipprova jintervjeni waqt li kien qed jitkellem il-Maġistrat, u ġie avżat biex jiskot aktar minn darba.
L-akkużat qal li ma qabbadx avukat għax ma jafx kemm jista’ jiswieh. Madanakollu l-Maġistrat ordnat li l-akkużat jingħata l-għajnuna legali.
Eventwalment, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u qal li kien il-pulizija li attakah.  Il-prosekuzzjoni ċaħdet dan u l-Ingliż ma ngħatax il-libertà proviżorja.