Jake Vella u Fabio Spiteri bi sfida biex jiġbru l-flus għal klieb abbandunati

Żewġ atleti ammirati minn ħafna, Jake Vella u Fabio Spiteri, se jkunu qed jgħumu 1.7 kilometri sabiex flimkien jiġbru flus għal klieb abbandunati.

F’post fuq Facebook, l-atleta Spiteri qal li hu u Vella, li għandu biss 10 snin u li jbati minn kundizzjoni rari, se jkunu qed jagħmlu l-għawma mill-Gżejjer ta’ San Pawl lejn Buġibba f’Settembru li ġej. Qal li se jkunu qed jagħmlu dan biex jiġbru flus għall-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati.

Hu ħeġġeġ lil dawk kollha li jixtiequ jingħaqdu miegħu u ma’ Vella sabiex jagħtu donazzjoni ta’ €10 dakinhar sabiex jipparteċipaw. Intant qal li filwaqt li d-data finali għadha trid tiġi kkonfermata mistennija ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.

Spjega li x-xelters tal-annimali jaħdmu grazzi għad-donazzjonijiet tal-pubbliku u għaldaqstant ħeġġeġ lil kull min jista’ sabiex jagħti donazzjoni permezz ta’ SMS fuq wieħed minn dawn in-numri:

  • 5061 7350 – € 2.33
  • 5061 8060 – € 4.66
  • 5061 8910 – € 6.99
  • 5061 9200 – € 11.65