“Jake jipprattika sport impenjattiv minkejja kundizzjoni rari”

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima faħħar lil Jake Vella, tfajjel ta’ tmien snin li minkejja li għandu kundizzjoni rari, jipprattika sport impenjattiv u sostna li hu xhieda ta’ kemm l-isport hu bżonnjuż fil-ħajja ta’ kuljum. Jake ibgħati minn kundizzjoni medika li jgħamel kemm jagħmel dieti u eżerċizzju fiżiku, jibqa’ jiżdied fil-piż.

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-pitch tal-waterpolo ta’ Birżebbuġa fejn flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar fetaħ uffiċjalment il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lil kulħadd sabiex matul din il-ġimgħa jieħu sehem fl-attivitajiet li qed jiġu organizzati. Hu rrimarka li “hu ta’ importanza kbira li kulħadd jipprattika xi forma ta’ attività fiżika fejn għandna nkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor”.

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport se tiffoka fuq tliet temi: il-komunità, il-post tax-xogħol u l-edukazzjoni. It-tema tal-komunità qed tiġi riflessa bl-attività organizzata f’Birżebbuġa bil-kollaborazzjoni tat-tliet klabbs tal-lokal tal-waterpolo, l-ibburdjar u r-regatta.

It-Tlieta f’nofsinhar, il-ħaddiema ta’ SportMalta fil-Kumpless tal-Kottonera flimkien ma’ ħaddiema oħra se jagħmlu nofs siegħa ta’ attività fiżika biex tiddaħħal il-kultura li waqt il-ħin tal-mistrieħ fuq il-post tax-xogħol, wieħed jista’ wkoll jagħmel xi eżerċizzji fiżiċi.

Mil-lat edukattiv, il-Ġimgħa filgħodu fl-iskejjel kollha se ssir European Sports Day.

Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar stieden lil kulħadd għall-ewwel edizzjoni tal-BeActive Night li se ssir nhar is-Sibt 29 ta’ Settembru, filgħaxija, fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet mis-sit ta’ SportMalta jew inkella mill-paġna ta’ Facebook.