Jake bl-ewwel messaġġ mill-isptar: Għinu lill-annimali

Jake Vella, it-tifel ta’ 8 snin li jbati minn kundizzjoni rari, ħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei 5 ijiem ilu, wara kważi xahar ta’ kura. F’appell li għamel Jake fuq il-midja soċjali, huwa ħeġġeġ lin-nies biex jagħtu d-donazzjonijiet lill-Assoċjazzjoni ta’ Annimali Abbandunati f’Birżebbuġa.

Jake qal li bħalissa qed jimmissja lill-kelba tiegħu Maya u jixtieq li dawk li jridu juruh sapport, jagħmlu dan billi jagħtu donazzjoni ċkejkna lid-dar li tgħin lill-annimali abbandunati.

Dalgħodu, l-MEP Miriam Dalli żaret lil Jake l-isptar.

Il-kundizzjoni ta’ Jake twassal biex iżid fil-piż b’mod mgħaġġel ħafna minkejja li jiekol tajjeb u jagħmel l-eżerċizzju. Huwa kien iddaħħal l-ITU wara li ntilef minn sensih u spiċċa mal-art.

Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jibgħat messaġġ fuq 5061 7350 – €2.33 // 5061 8060 – €4.66 // 5061 8910 – €6.99 // 5061 9200 – €11.65.