Jaħrab qabel ma ddaħħal il-ħabs biex jiskonta sentenza

pulizija kordin
Miguela Xuereb

Read in English.

Raġel ħarab lill-Pulizija waqt li l-karozza li kien fiha kienet qiegħda quddiem il-bieb tal-ħabs, fejn kien se jiddaħħal biex jiskonta s-sentenza ta’ priġunerija.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li dan seħħ għall-ħabta tan-12.30pm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Pulizija kienu qed jeskortaw Sudaniż ta’ 28 sena mill-Qorti għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jiskonta sentenza ta’ priġunerija.

Waqt li l-vettura kienet qiegħda quddiem l-entratura prinċipali tal-binja tal-ħabs, is-Sudaniż ta’ s-salt u ħarab minn ġol-vettura, immanetjat.

Il-Pulizija li kien qed jeskortah, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett u dawk mir-Rapid Intervention Unit bdew bit-tfittxija għal din il-persuna, fejn ftit tal-minuti wara dan instab ġewwa Raħal Ġdid stess.