Jaħrab mill-għassa u titneħħielu s-sentenza ta’ ħabs

Tneħħiet is-sentenza ta’ 8 xhur ħabs għal raġel li ħarab mill-għassa ta’ Birkirkara wara li ressaq appell fil-Qorti.
Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Maġistrat Giovanni Grixti qablet mal-argument tal-akkużat, li ħarba minn għassa tal-Pulizija ma tistax titqabbel ma’ ħarba mill-ħabs għax din tal-aħħar mhijiex imsemmija fil-liġi bħala post ta’ iżolament.
L-akkużat huwa Leon Borg ta’ 20 sena li f’Ġunju li għadda kien qed jinżamm fl-għassa ta’ Birkirkara fejn kellu jiffirma kuljum bħala parti minn sentenza oħra ta’ libertà proviżorja. Huwa rnexxielu jaħrab mit-tieqa. Wara li nqabad, Leon Borg kien weħel tmien xhur ħabs u garanzija personali ta’ €11,000.
L-appellant semma kif il-Kodiċi Kriminali jsemmi biss bħala postijiet ta’ iżolament il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-qrati u s-sezzjoni amministrattiva tal-Pulizija fir-Rabat Għawdex.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell neħħietlu għal kollox is-sentenza ta’ ħabs li kien ingħata, filwaqt li ordnatlu jħallas is-somma ta’ €500.  Tneħħietlu wkoll il-garanzija personali.
Ritratt: Arkivji