Jaħfrulhom sentenza ta’ 3 snin ħabs; inkonsistenzi tal-Prosekuzzjoni

Tliet irġiel li s-sajf li għadda weħlu sentenza ta’ tliet snin ħabs u multa inħafritilhom is-sentenza wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali sabet xi inkonsistenzi fl-evidenza ppreżentata mill-prosekuzzjoni dwar il-każ.

It-tliet irġiel, Shannon Cauchi ta’ 30 sena, Anthony Cremona ta’ 47 sena u Michael Borg ta’ 44 sena kienu weħlu s-sentenza ta’ tliet snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €488,000 akkużati li evadew it-taxxa u l-VAT fuq sigaretti impurtati lejn Malta.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera spjegat li fl-ebda parti tas-smigħ tal-każ ma ġiet imressqa evidenza li turi li l-kaxxi li ġew ikkonfiskati kien fihom sigaretti tal-kuntrabandu. Qalet ukoll li x-xhud ewlini tal-każ kien inkonsistenti fix-xhieda tiegħu.

Il-Qorti tal-Appell sostniet li kienet qed tistenna li l-prosekuzzjoni tippreżenta ritratti tal-kontenut tal-kaxxi, u mhux tal-kaxxi biss.

It-tliet irġiel kienu ġew arrestati fl-2013 meta dgħajsa li kienet qed iġġorr fuqha l-kaxex inkwistjoni rmunkat f’San Pawl il-Baħar. Il-kaxxi kienu tniżżlu mid-dgħajsa u ttieħdu f’vann li laħaq ħarab qabel il-wasal tal-Pulizija. Aktar tard, il-vann instab f’Santa Venera bil-kaxxi miksija bil-plastik li kienu għadhom ġo fih.