Jaħfru lis-Sirjani li nqabdu fi ġlieda f’Buġibba

Żewġt irġiel Libjani li sofrew ġrieħi meta nqabdu fi ġlieda bejn grupp Sirjani f’Buġibba fit-3 ta’ Lulju li għadda, qalu li qed jaħfru lil dawk li għamlulhom il-ħsara.
Is-Sirjani, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn id-19 u s-26 sena u huma kollha residenti San Pawl il-Baħar, tressqu l-Qorti mill-ispettur tal-Għassa tal-Qawra Maurice Curmi.  
L-Ispettur xehed kif irċieva rapport minn Libjan li allegatament intlaqat minn flixkun tal-ħġieġ meta pprova jofroq ġlieda bejn grupp Sirjani. 
Fil-Qorti, l-ispettur qal li l-għada, tlieta minn dawn is-Sirjani minn jeddhom marru l-għassa tal-pulizija fejn sostnew li l-ġlieda bdiet minħabba ż-żewġ Libjani li marru jirrapurtawhom. 
Wieħed mil-Libjani, li qal li ntlaqat f’rasu, semma kif spiċċa stordut u iktar tard qam u sab ruħu l-isptar. Madankollu qal li qed jaħfrilhom. Il-Libjan l-ieħor qal li għandu tarbija, u li m’għandux bżonn iktar inkwiet. 
Il-każ mistenni jitkompla jinstema’ x-xahar id-dieħel.