Jaħbu b’€20,000 kokaina f’bosk fl-Italja; jeqridhom ħanżir salvaġġ

Ħanżir salvaġġ qered b’€20,000 f’kokaina fl-Italja. Id-droga kienet moħbija f’bosk. Dan ħareġ tul l-investigazzjonijiet li wasslu għall-arrest ta’ erba’ persuni b’rabta mat-traffikar tad-droga.

Wieħed mit-traffikanti lmenta dwar ħanżir salvaġġ li sab moħba tagħhom fil-bosk. Il-ħanżir xammem id-droga u ħaffer għaliha, b’konsegwenza li din spiċċat mħallta mal-ħamrija.

Il-ġurnali Taljani spjegaw kif il-Pulzija waslu għall-erbat irġiel, li tnejn minnhom inżammew arrestati filwaqt li t-tnejn l-oħra spiċċaw arrestati f’darhom. L-irġiel huma mill-Albanija u minn Kalabrija.

L-investigazzjonijiet bdew wara li ntemmet investigazzjoni dwar qtil ta’ żagħżugħ Albaniż f’Mejju tal-2018. Tul il-kors tal-investigazzjoni tal-qtil ħareġ li ż-żagħżugħ kien viċin ta’ grupp li jittrafika d-droga.

Mill-ħidma li saret mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fi Siena, ħareġ li bejn Settembru 2018 u Marzu 2019, il-kokaina li kienet tiġi minn Perugia, inħbiet fil-bosk bejn Umbria u Toscana.

Waqt l-interċettazzjonijiet tal-allegat traffikanti tad-droga, il-Pulizija semgħu lil traffikant jilmenta b’telf ta’ €20,000 fi droga kokaina. Jidher li ħanżir salvaġġ kien qed ixxammem fil-bosk fejn kien hemm id-droga moħbija. Dan ħaffer b’konsegwenza li droga spiċċat fil-ħamrija.

It-traffikanti kienu jikkomunikaw bejniethom permezz tal-midja soċjali. F’xahar kienet tiġi ttraffikata madwar 2 kilos kokaina li kienet madwar 80-85% pura, b’valur ta’ €80 – €100 il-gramma.