Jaħbat f’ħajt wara li pprova jaħrab lill-pulizija; 4 arrestati

Aġġornat 12:20 PM

Erba’ persuni qed jinżammu taħt arrest wara li lbieraħ kienu f’karozza li ħarbet lill-pulizija, kellha pjanċa misruqa u baqgħet dieħla f’ħajt f’San Ġwann. Kawża ta’ dan, żewġ nisa u żagħżugħ ittieħdu l-Isptar Mater Dei minħabba li sofrew xi ġrieħi.

Iż-żewġ ġuvintur għandhom 16-il sena u 19-il sena u huma minn Bormla u Ħaż-Żabbar rispettivament, waqt li t-tfajliet għandhom 18-il sena u 26 sena u huma minn Bormla u Ħal Qormi rispettivament.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma l-inċident ma’ Newsbook.com.mt. Hu spjega li għall-ħabta tal-11.15pm, il-pulizija tal-RIU nnutaw karozza ssuq konta l-one-way fi Triq Nazzarenu f’Tas-Sliema. Il-pulizija għamlu sinjal lir-raġel biex jirreversja. Hu u jagħmel dan laqgħat karozza li kienet ipparkjata. Minflok waqaf, ir-raġel ħarab minn fuq il-post b’sewqan eċċessiv.

Il-pulizija segwewh u waqt li kienu qed jagħmlu dan, is-sewwieq ħabat f’ħajt f’San Ġwann, quddiem il-knisja fi Vjal ir-Riħan. Instab ukoll li l-pjanċa tal-karozza kienet misruqa. Mill-investigazzjonijiet illi saru sa issa rriżulta li l-liċenzja tal-vettura u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni li nstabu fuq il-vettura li kienu fiha l-erba’ żgħażagħ insterqu minn fuq żewġ vetturi oħra fil-jiem illi għaddew.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ passiġġiera nisa l-isptar. Aktar tard irriżulta li, it-tfajla ta’ 26 sena sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li t-tfajla ta’ 18-il sena u żagħżugħ ta’ 16-il sena sofrew ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.