Jaħarqu kelb f’Wied il-Għajn; “atroċità” – Viċi Sindku

Facebook - Janice Falzon (Ir-ritratt ġie edited biex ikun sfukat)

Il-Viċi Sindku ta’ Wied il-Għajn Janice Falzon qalet li nstab il-katavru ta’ kelb maħruq f’Wied il-Għajn. Iddeskriviet l-att bħala “atroċità assoluta”.

Fuq Facebook, Falzon qalet li lanqas setgħet temmen lil għajnejha dalgħodu. Qalet li l-kelb maħruq kien fiż-żona fejn jibda l-Inwadar.

Falzon qalet li persuni mill-Animal Welfare se jkunu qed jiċċekkjaw jekk il-kelb kellux microchip filwaqt li uffiċjali tal-Pulizija se jkunu qed janalizzaw filmati tas-CCTV.

Falzon qalet ukoll li membri mid-Dipartiment tat-Tindif se jkunu qed ineħħu l-fdalijiet tal-kelb.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-każ ġie rrappurtat għall-10.30 am. Jidher li l-katavru nstab f’żona ta’ park nazzjonali. Uffiċjali tal-Pulizija marru fuq il-post.