Jaħarqu bandiera qawsalla f’Ħal Balzan

L-istaff tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan sab il-bandiera qawsalla li ttelgħet maġenb il-kunsill maħruqa kmieni dalgħodu. Dan l-att sar biss jum qabel ma ssir il-Pride March annwali.

Il-Viċi Sindku Angelo Micallef qal li dalgħodu kien infurmat li l-bandiera tal-pride li tweħlet mill-kunsill instabet maħruqa. Il-Pulizija ġiet infurmata bil-każ u se jkun qed isir rapport. Micallef żied jgħid li filwaqt li jinsab iddiżgustat bil-ġest, dan seta’ kien ta’ periklu kieku in-nar infirex.

“Huwa tal-mistħija li fiż-żmien fejn dan kellu jkun simbolu kontra d-diskriminazzjoni għadt hawn min jagħmel atti ta’ mibgħeda,” qal il-Viċi Sindku ta’ Ħal Balzan.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ikkundanna bla riserva l-aġir.

Il-Pride March se ssir għada u tibda fil-5pm il-Belt.

Il-bandiera qawsalla hi magħrufa bħala l-bandiera tal-ugwaljanza jew tal-LGBTIQ Pride, u hi simbolu tal-orjentazzjonijiet sesswali differenti.

🇲🇹Il-Kunsill Lokal ta' Ħal Balzan huwa maħsud bl-aħbar li fis-siegħat bikrin ta' dalgħodu xi ħadd ħaraq il-Pride Flag li…

Posted by Ħal Balzan Local Council on Thursday, September 12, 2019