Jaħarbu minn toqba ta’ 55ċm minn ħabs fl-Istati Uniti

Żewġt irġiel li qed jaffaċċjaw akkużi separati fuq qtil ħarbu minn toqba fis-saqaf minn ħabs f’belt viċin San Francisco fl-Istati Uniti.

Iż-żewġt irġiel Santos Samuel Fonesca ta’ 21 sena, u Jonathan Salazar ta’ 20 sena għamlu toqba ta’ 55cm fis-saqaf tal-kamra tal-banju, f’post li ma jistgħux jarawh il-gwardjani tal-ħabs. Huma ħarbu l-Ħadd.

Il-BBC ikkwota lill-kelliem għall-uffiċċju tax-Sheriff jgħid li jinsab iddiżappuntat dwar il-ħarba. Żied jgħid li l-uffiċċju qed joffri $5,000 lil min jgħaddi xi tagħrif dwarhom.

Fonesca huwa akkużat li qatel lil Lorenzo Gomez Acosta ta’ 37 u Ernesto Garcia Cruz ta’ 27 fi spazju ta’ 4t ijiem f’Ġunju 2018.

Salzar huwa akkużat li qatel lil Jamie Martinez ta’ 20 sena f’Ottubru 2017.

Il-ġurnal The Los Angeles Times irrapporta li kienu wieġbu mhux ħatja.