Jagħtu kors tat-tisjir minflok riċetta tal-mediċini

It-tobba fir-Renju Unit se jingħataw inċentivi biex iħeġġu pazjenti bid-depressjoni biex jieħdu sehem f’attivitajiet soċjali bħat-tisjir u x-xogħol fil-ġnien, minflok jieħdu l-mediċini.
Is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa u l-Kura Soċjali, Matt Hancock ħabbar li jrid inaqqas id-dipendenza tan-nies fuq “drogi mhux sofistikati”.

Il-ġimgħa li għaddiet ġie żvelat kif fir-Renju Unit mas-7.3 miljun persuna ingħatat l-antidepressants is-sena li għaddiet. 70,000 minnhom kienu tfal.

Minflok, it-tobba se jkunu qed jagħtu riċetti “soċjali” – jirreferu l-pazjenti għal-attivitajiet fil-komunità, volontarjat, gruppi tal-arti, xogħol fil-ġnien u lezzjonijiet tat-tisjir.

€5 miljun mistennija jiġu investiti fl-inizjattiva bit-tama li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti.

L-esperti qed jinnutaw li l-mediċini qed jintużaw bħala l-ewwel soluzzjoni fil-kura tas-saħħa mentali, u t-tobba għandhom jesploraw għażliet oħra qabel iqassmu l-pilloli.

L-istatistika turi li wieħed minn kull sitt adulti ħadu l-antidepressants is-sena li għaddiet – nofs miljun iktar mill-2015.

Għexieren ta’ eluf ta’ tfal qed jingħataw ukoll l-antidepressants li jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-moħħ. L-esperti qed jirrakomandaw li l-ewwel kura għandha tkun it-terapija fejn it-tfal jingħataw ċans jitkellmu.

Bit-terapija soċjali, studji juru li titjieb is-saħħa b’mod ġenerali tal-persuni li jfittxu l-għajnuna, tonqos l-ansjetà u jitjiebu l-ħsibijiet tagħhom dwar saħħithom u l-kwalità tal-ħajja.