Jagħtu d-demm biex jgħix ħaddieħor wara li missierhom jieħu ħajtu lura

Paula & Jodie Farrugia

“Sa din is-sena dejjem kienet xewqa tiegħi li nagħti d-demm, imma onestament dejjem bżajt, għax il-ħsieb tal-labra biss ukoll kien idejjaqni. Imma issa mod ieħor,” hekk bdiet tgħidilna Paula Farrugia li flimkien ma’ oħtha Jodie saru donaturi tad-demm.

Hija rrakkuntat kif din is-sena missierha daħal l-isptar u ġie bżonn tliet boroż demm.

“Fil-ħin li sirt naf dan qisni ksaħt. Bejni u bejn ruħi għidt kieku kulħadd joqgħod jibża’ bħali, meta xi ħadd jiġi bżonn id-demm, imqar borża waħda, u ma jsibx, hemm ħajtu tkun fil-periklu. Għalhekk jien u oħti Jodie ddeċidejna li nagħmlu kuraġġ b’xulxin u għall-ewwel darba mmorru nagħtu d-demm flimkien. Kienet esperjenza unika, u s-sens ta’ sodisfazzjon u kuntentizza li tħoss wara l-proċedura pjuttost qasira huwa xi ħaġa tal-ġenn. Tħossok li għamilt xi ħaġa tajba u li biha ser tgħin lil xi ħadd…anzi ser issalva ħajja ta’ xi ħadd!” qaltilna.

Wara din l-esperjenza iddeċideew li sakemm ikun possibli, jibqgħu jagħtu d-demm kull 4 xhur. Ħassew li għandhom jgħaddu dan il-messaġġ lil min qed iżomm lura milli jagħti d-demm minħabba l-biża’.

Fi kliem Paula stess: “Għotja demm hi ħaġa sabiħa bi proċedura sempliċi u li fuq kollox ma twegga’ xejn! Sempliċiment il-qarsa żgħira tal-labra sa ma l-labra tidħol ġol vina, imbagħad daqshekk. L-istaff tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-demm jgħinukt Tħossok komda ħafna, u dan jagħmel il-process jgħaddi iktar malajr, xejn ta’ barra minhawn. Dan apparti li f’dan iż-żmien ta’ pandemija tħossok f’post sigur, għax il-prattiċi ta’ iġene u l-mużuri ta’ mitigazzjoni biex jinxteridx il-mard huma ta’ livell għoli ħafna.”

Fi ftit kliem, dan huwa ġest kapaċi jagħmel ħafna ġid! Ġest ta’ ħames minuti li tista’ tgħid li jgħaddi f’tebqa’ t’għajn, iżda fl-istess waqt kapaċi jagħti lura għomor ta’ bniedem u ferħ mill-ġdid ġo familja, eżattament bħal ma kien il-każ fil-familja tagħna.