Jagħtu 1,000 paġna lir-Rettur tal-Università

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof. Alfred J. Vella rċieva kopja tad-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis, id-Damma mid-Dipartiment tal-Malti.
Fi stqarrija, l-Università ta’ Malta qalet li l-preżentazzjoni saret minn Rosabelle Carabott, l-aktar waħda li ħadmet f’dan il-proġett. Hija semmiet kif hi u seħbitha Joanne Trevisan tħabbew ma’ dan ix-xogħol waqt l-istudju tad-dokumenti l-qodma li jsir fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
F’kelmtejn f’isem id-Dipartiment tal-Malti, Dr Olvin Vella radd ħajr lill-entitajiet kollha li daħlu fi sħab f’dan il-proġett u rringrazzja lill-individwi li ħadmu fuq dan il-proġett.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur qal li din kienet kisba importanti, li ġew ippubblikati 1,000 paġna miktubin 250 sena ilu u jinkludu Malti qadim u espressjonijiet li mietu maż-żmien.
Id-Damma ġiet ippubblikata bil-kollaborazzjoni tal-RIDT, BPC International, Heritage Malta, il-Ministeru ta’ Għawdex, il-Biblijoteka Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università.