​Jagħti raġuni għax twaqqfet il-Park & Ride f’Għawdex

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal fil-Parlament li r-raġuni ewlenija li ma kompliex jiġi offrut is-servizz tal-Park & Ride f’Għawdex kienet li ma kienx qed isir użu ta’ din il-faċilità mill-pubbliku inġenerali u wisq inqas mill-ħaddiema tal-istess sptar.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru spjega kif dan is-servizz li kien ipprovdut minn u lejn il-Park & Ride, ġie magħżul wara sejħa għall-kwotazzjonijiet.
Żied jgħid li dakinhar intgħażlet l-orħos offerta minn tlieta u li fi kliemu kienet konformi mal-esiġenzi mitluba.
Is-servizz ġie introdott f’Marzu 2017, minħabba li nofs il-parkeġġ tal-isptar kien sit ta’ kostruzzjoni bix-xogħlijiet fuq l-Iskola Medika ta’ Barts u l-Kampus tad-Dentistrija biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Is-servizz kien provdut bejn is-6.30am u s-7.30pm bejn l-eks sit tal-Malta Dairy Products fix-Xewkija u l-isptar.  Is-servizz ma kienx qed jiġui offrut fil-Ħdud u l-Festi Pubbliċi.