Jagħti dettalji dwar l-impjieg ta’ Melvin Theuma

Jaħdem mal-Ministeru u l-Ministru ma jafx bih

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-entitajiet governattivi kollha għaddewlu r-rekords, li jinkludu: part-time, full-time, u rabtiet kontrattwali oħra li mhumiex impjieg dirett, bħal contract for service.  Dan sabiex jikkonferma d-dokument ippubblikat ilbieraħ li juri li Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien idaħħal paga mill-Ministeru għall-Familja.

Fi stqarrija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni qaI li r-rekords kollha mill-entitajiet governattivi kollha daħlu lbieraħ. Semma kif il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qallu li:

  • Il-kumpanija tal-gvern Housing Embellishment and Maintenace Co Ltd kellha impjegat bl-isem Melvin Theuma
  • Melvin Theuma ġie ngaġġat wara sejħa pubblika permezz tal-Jobsplus, wara proċess ta’ għażla li seħħ f’April 2017.
  • Melvin Theuma beda l-impjieg tiegħu f’Mejju 2017.
  • L-aħħar paga li tħallas Melvin Theuma kienet f’Awwissu 2017 meta twaqqaf minħabba li ma kienx qed imur għax-xogħol.

 Il-PPS qal li lbieraħ stess fl-4.23pm, din l-informazzjoni tal-Ministeru ġiet mgħoddija sħiħa lill-Pulizija.

Fakkar li fl-ewwel proċess tal-investigazzjoni mill-Uffiċċju tiegħu, irriżulta li Melvin Theuma ma kienx impjegat fis-servizz pubbliku (fiċ-ċivil).

Spjega li s-servizz pubbliku jiġbor fih il-ħaddiema kollha impjegati direttament mal-Gvern u li jservu f’dipartimenti governattivi. “Ir-rekords prinċipali tal-impjegati diretti mal-gvern huma ċentralizzati”, kompla jgħid. Fisser li l-entitajiet tal-gvern – korporazzjonijiet, aġenziji u kumpaniji – huma distinti mis-servizz pubbliku u għandhom regoli u proċessi differenti.

Jaħdem mal-Ministeru u l-Ministru ma jafx bih

Intant, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia insista li:

  • ma jafx lil Melvin Theuma jew qatt iltaqa’ miegħu
  • La qatt irrakkomanda jew ġie rrakkomandat lilu jew xorta oħra biex Melvin Theuma jingħata impjieg
  • Iddistakka ruħu mill-każ u ddikjara li la qatt kellu x’jaqsam direttament jew indirettament f’allegazzjoni li dehret fil-midja.

L-Erbgħa filgħaxija, dokumenti wrew li Theuma ngħata impjieg mal-Ministeru, bid-data l-1 ta’ Mejju 2017, festa pubblika li fiha Joseph Muscat ħabbar elezzjoni bikrija.  Id-dokument ġie żvelat wara li s-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li isem Melvin Theuma ma kienx fost l-impjegati mas-Servizz Pubbliku.

Filgħodu fil-Qorti, Melvin Theuma qal li kellu xogħol mal-Gvern, li kien jitħallas għalih, li qatt ma mar għax-xogħol u lanqas jaf x’tip ta’ xogħol kien.