Jagħti daqqa b’sikkina; libertà proviżorja

serq karozzi Birkirkara qorti

Raġel ingħata l-ħelsien proviżorju mill-arrest wara ġlieda kbira li bdiet bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani li seħħet nhar l-Erbgħa f’Ħal Tarxien. Kawża tal-ġlieda, raġel ta’ 23 sena weġġa’ gravi wara daqqa ta’ sikkina.

Is-Sirjan li tressaq il-Qorti, li għandu 26 sena, qed jiġi akkużat li weġġa’ persuna gravi, li attakka persuna u li kiser il-paċi pubblika. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi quddiem il-Maġistrat Monica Vella. L-avukat tiegħu talab li jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Filwaqt li l-akkużat ingħata l-ħelsien proviżorju, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma. L-akkużat qed jintalab jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, ikun id-dar fil-ħin mitlub mill-Qorti, u li jħallas depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000.