Jagħsru, jagħsru u jagħsru sa €1,200!

L-istudenti tat-teoloġija fl-Università ta’ Malta ġabru €1,200 għal Dar Ħosea, kollha bl-għaraq ta’ ġbinhom….u ħafna larinġ magħsur!
Il-Kampanja tal-Larinġ issir kull sena mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija (GħST) fuq il-kampus saiex jinħabru flus għal għaqdiet u entitajiet differenti.
Dis-sena l-flus se jmorru għal Dar Ħosea, miftuħa mis-Sorijiet tal-Karità u li tagħti kenn u sapport lill-persuni li jinqabdu fil-prostituzzjoni.
L-attività hi waħda popolari, saħansitra l-President ta’ Malta, Maie-Louise Coleiro Preca żaret lill-istudenti u meddet idha.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-GħST, Jean Govè qal li d-dinjità ta’ kull persuna għandha tkun protetta u saħaq li huwa allarmanti kif f’Malta hawn persuni li ma jlaħħqux mal-ħajja u minħabba problem soċjali oħra jispiċċaw jaqgħu “fl-iskjavitù,” għax din tkun l-uniku triq għalihom.
Dr Rita Bonello, li tmexxi Dar Ħosea spjegat li din id-dar tiftaħ kuljum mid-9:00am sal-4:00pm. Fost is-servizzi li toffri, hemm dawk tat-tobba, avukati u ħaddiema soċjali.
L-GħST qalu li l-attività ma setgħetx tkun possibbli kieku ma kienx hemm l-għajnuna mill-Università, miċ-Chaplaincy tal-Università, u finalment mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).