Jagħmilha tabirruħu li hu żagħżugħ li għeb fl-2011 fl-Amerka; jaffaċċja 8 snin ħabs

Reuters

Żagħżugħ li għamilha tabirruħu li hu tfajjel li għeb fl-2011 qed jinżamm arrestat talli gideb lill-pulizija f’Ohio fl-Istati Uniti. Huwa diġà kellu kondotta mċappsa.

Brian Michael Rini li hu minn Medina f’Ohio u għandu 23 sena ppretenda li hu ż-żagħżugħ Timmothy Pitzen, minn Illinois, li għeb wara li ommu għamlet suwiċidju. Uffiċjali tal-Pulizija arrestawh nhar l-Erbgħa f’Kentucky meta deher konfuż u qalilhom li hu Pitzen, li llum għandu 14-il sena. Pitzen l-aħħar deher meta kellu 6 snin.

Testijiet tad-DNA kkonfermaw li Rini gideb lill-pulizija. Meta huma affaċċjawh b’dan ir-riżultat, huwa ammetta li kien gideb. Lill-pulizija qalilhom li kien sema’ bil-każ ta’ dan it-tfajjel u ppretenda li hu hu għax ried jaħrab minn familtu. Qal li li kieku ġralu bħalma ġralu Pitzen, u għeb, missieru kien jibqa’ jixrob u ma kienx jipprova jsibu.

Huwa qed jinżamm arrestat sakemm jerġa’ jinstema’ l-każ nhar it-Tlieta li ġej. Jekk jinstab ħati, jista’ jeħel sa 8 snin ħabs. Huwa diġà għamel sena u xahrejn il-ħabs fuq serq u vandaliżmu.