Jagħmel sens li niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Re f’nofs pandemija? – L-Isqof Teuma

Anton Teuma
Betty Bugeja

Read in English.

Hekk kif ilbieraħ il-Knisja Kattolika ċċelebrat il-festa ta’ Kristu Re, l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma qaddes quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof staqsa jekk il-festa ta’ Kristu Re tagħmilx sens li tiġi ċċelebrata fi żmien li d-dinja kollha għaddejja minnu u spjega li jiddependi wieħed x’qed jistenna. L-Isqof fisser li jekk wieħed qiegħed jistenna li Ġesù se jwaqqaf il-Covid-19 u jfejjaq lil kull min hu marid biex kulħadd ikun jista’ jkompli bil-ħajja tiegħu mela din il-festa ma tagħmilx sens għax minkejja li wieħed jitlob l-imxija tal-Covid-19 ma waqfitx u kien hemm persuni li tilfu ħajjithom.

L-Isqof Teuma saħaq li Alla jħobb lil kulħadd għax kulħadd huwa wild tiegħu u wieħed għandu jitgħallem ukoll mill-pandemija. Żied li f’dan il-mument wieħed jista’ japprofitta li jsir jaf lil “Kristu Re tal-Covid”. Teuma rrifletta dwar kif fis-sitwazzjoni tal-virus il-bniedem ġie konxju mid-dgħufijiet tiegħu kif ukoll li m’għandux kontroll fuq kollox.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof enfasizza li, “Nistgħu wkoll nindunaw li aħna nies fil-bżonn. Nistgħu nitgħallmu nkunu aktar veri magħna nfusna. Aħna nies dgħajfin”. Dan iwassalna biex nirrikonoxxu l-fatt li rridu minn Alla u li “ħadd ma jista’ jsalva waħdu”. L-Isqof wissa kontra l-periklu tal-individwaliżmu esaġerat u ta eżempju tal-abort li minħabba l-individwalita tal-mara wieħed lest li jissagrifika l-individwalità tat-tarbija.

L-Isqof Anton Teuma tkellem ukoll fuq il-bżonn tal-familja li jista’ jkun valur li jsalva l-egoiżmu tal-bniedem. Żied li l-attenzjoni u l-kura li l-familjari qed juru lejn xulxin f’dan iż-żmien tal-pandemija huma xhieda ta’ dan. “Il-pandemija, mingħajr ma ndunajna, kabbritna fl-interess u fl-imħabba lejn il-familja tagħna. Erġajna skoprejna l-familja tagħna bħala rigal, don ta’ Alla. Indunajna aktar li l-familja tipproteġina, issalvana mill-periklu. Il-famija tnaqqsilna r-riskju li nimirdu”.

L-Isqof għalaq ir-riflessjoni tiegħu billi tenna kemm jagħmel sens il-Vanġelu tal-Ġudizzju Finali mxandar mill-Knisja nhar Kristu Re. “Ġesù Sultan, minn fuq it-tron tiegħu tas-salib, jagħmel il-ġudizzju fuq il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna fi żmien il-Covid”.

L-Isqof temm li, “meta fostna jkun hemm din l-imħabba Nisranija, min tilef ix-xogħol jiekol ma’ min ma tilfux, hekk li ma jkunx hemm bżonn li tiġi ssagrifikata l-ħajja ta’ xi ħadd biex tibqa’ miexja l-ekonomija. Meta m’hemmx din l-imħabba Nisranija, il-biża’ li ma jkollix biżżejjed għalija, jew il-biża’ li jonqosli d-dħul, jegħleb saħansitra fuq il-valur tal-ħajja tiegħek”.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm preżenti fiżikament fil-Bażilika l-kappillani Għawdxin li f’ġest li fih resqu jiġbru stola bajda minn fuq l-altar, taħt ix-xbieha tal-Kurċifiss, ġeddu l-impenn tagħhom lejn il-komunitajiet li lilhom jaqdu, fuq l-eżempju ta’ Kristu, is-Sultan li jaqdi.

L-istola, li tintlibes għaċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija mqaddsa hija simbolu tal-qadi għall-ġid tal-poplu, fejn ir-Ragħajja jieħdu fuqhom l-istess madmad ħelu ta’ Ġesù u jitgħallmu minnu, jitolbu għall-poplu, ixandru l-Vanġelu tas-Saltna u jamministraw is-Sagramenti.

Din iċ-ċelebrazzjoni ntemment b’mument ta’ talb f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu għall-Knisja u l-poplu kollu.