Jagħmel riklam għal kilwa fuq billboard

Dialiżi riklam kilwa Marc

Raġel li kellu l-kanċer tliet snin ilu u spiċċa mingħajr kliewi, issa qed jagħmel riklam għal kilwa fuq billboard fil-pjazza ta’ Time Square fi New York, bit-tama li jsib donatur u jgħix ħajja aħjar. Marc Weiner ta’ 53 sena bħalissa qed jgħix bid-dijaliżi, fejn irid jitqabbad ma’ magna tliet darbiet fil-ġimgħa għal erba’ siegħat kuljum fi sptar, biex jissaffa d-demm.

Bir-riklam fuq il-billboard ġgantesk, Mark Weiner qed jittama li l-messaġġ jasal għand xi ħadd mit-330,000 persuna li jżuru l-pjazza ta’ kuljum u jagħtuh kilwa. Il-messaġġ jgħid sempliċiment: “Jisimni Marc, Għandi bżonn kilwa. Inti tista’ tgħini.”

Id-dijaliżi għandna tendenza twebbes l-arterji u l-vini minħabba l-kontenut għoli ta’ fosfru, li jgħaqqad il-kalċju u jsodd il-vini. B’mod ġenerali, Marc igawdi minn kwalità tajba ta’ ħajja iżda maż-żmien il-qalb mhux se tkun tiflaħ għall-istrapazz. Huwa jinsab fuq lista ta’ stennija għal kilwa, u jista’ jkun fadallu sa tmien snin biex imiss lilu. Fi New York biss, hemm madwar 100,000 persuna li qed jistennew trapjant.

Marc spjega li hu mhux se jmut għax jagħmel id-dijaliżi imma saħħtu tkun ħafna aħjar jekk ikollu donazzjoni ta’ kilwa minn persuna ħajja. Il-mara tiegħu tinsab għaddejja bil-proċess biex tiġi ttestjata sabiex tkun taf hix kompatibbli biex tagħti donazzjoni lil żewġha.

Għal madwar €1,500 fix-xahar ir-riklam fuq il-billboard, qed jiġi mħallas minn sħabu u qed iservi biex titqanqal iktar kuxjenza favur id-donazzjoni tal-organi. Marc iqis ruħu bħala persuna pożittiva u jistqarr li mhux faċli titlob għall-għajnuna, l-aktar meta tiddependi minn ħaddieħor biex tipprova ssalva ħajtek u jtenni li l-ħajja hi l-iktar rigal importanti.