Jagħmel fotokopja ta’ €50 “biex jilgħab il-monopoli”; titnaqqaslu s-sentenza ħabs

Qorti tal-Appell naqqset is-sentenza ta’ ħabs li ngħatat lil raġel li nqabad li ffalsifika flus allegatament biex jilgħab il-monopoli mat-tifel u li kien reċediv. Il-Qorti nnutat li ma kien hemm l-ebda rekord ta’ meta kien ħallas il-multa tat-traffiku li fuqha kien ibbażat ir-reċidiviżmu.

Lura fl-2013, Jonathan Farrugia kien tressaq akkużat li ffalsifika flus u li kien fil-pussess ta’ flus foloz u wara li nstab ħati ntbagħat 18-il xahar ħabs. Farrugia kien appella s-sentenza.

Fil-Qorti kien ħareġ kif hu kien għamel fotokopja bil-kulur ta’ karta tal-€50 fuq karta A4. Din kienet ħarġet ħażina tant li mill-ewwel inqabad li ma kinitx ġenwina. L-avukat tad-difiża argumenta li l-karta tant kienet ħażin li ma setgħet tqarraq b’ħadd u għalhekk mhux ta’ min jikkastigaha.

Min-naħa tiegħu, Farrugia kien qal lill-Pulizija li għamel il-kopja tal-flus bl-intenzjoni li jużahom waqt li jkun qed jilgħab il-Monopoli ma’ ibnu xi tliet snin qabel. L-avukat tad-difiża rrimarka kif raġel Indjan li daħal Malta b’€116,200 fi flus foloz kien ingħata 13-il xahar ħabs, li jikkuntrasta mas-sentenza li ngħatat lill-klijent tiegħu li kienet dik ta’ 18-il xahar.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat is-sentenza dwar l-iffalsifikar, madanakollu tneħħietlu l-ħtija tar-reċideviżmu hekk kif din kienet qed tiġi bbażata fuq multa tat-traffiku tal-2011.

Is-sentenza tar-raġel ġiet imnaqqsa minn 18 għal 14-il xahar.