Jagħmel bi €72,000 f’danni f’2 lukandi; sentenza sospiża

Avukat Amerikan ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li f’Mejju li għadda kkawża bi €72,000 ħsara f’żewġ lukandi u l-bieb ta’ barra tal-Ambaxxatur tal-Qatar waqt li kien taħt l-effett tad-droga.

Mazen Mohammed Tumi ta’ 36 sena ġie akkuat li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Mejju li għadda għamel ħsara fil-lukanda Radisson f’Pembroke u fis-17 ta’ Mejju wettaq danni fil-lukanda Westin Dragonara liema ħsara flimkien tammonta għal €70,000. Huwa kien akkużat ukoll li fit-18 ta’ Mejju għamel ħsara ta’ €2,000, fuq il-bieb ta’ barra tal-Ambaxxatur tal-Qatar.

Fil-Qorti Tumi ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti ġiet infurmata wkoll ukoll li l-akkużat laħaq ftehim mal-lukandi rispettivi u ħallas id-danni li għamel u jixtieq li jindirizza l-problema tad-droga. Għalhekk il-Maġistrat Monica Vella sabet lil Tumi ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi b’erba’ snin. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-Ambaxxatur.