Jagħlqu sninhom fl-istess jum

Debbie Scerri & Julie Zahra

Awguri lil Debbie Scerri u Julie Zahra li llum qed jiċċelebraw għeluq sninhom. Dawn iż-żewġ kantanti kienu rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest.

Debbie Scerri twieldet f’Toronto fil-Kanada bħal-lum il-25 ta’ Marzu tal-1969. Hija qed tiċċelebra għeluq il-51 sena tagħha. Marret għall-Eurovision Song Contest darbtejn, l-ewwel darba fl-1993 bħala backing singer għal William Mangion meta interterpreta l-kanzunetta This Time filwaqt li fl-1997 marret bħala solista fejn klassifikat fid-9 post bil-kanzunetta Let Me Fly.

Debbie ppreżentat bosta programmi fuq it-televiżjoni fosthom Qawsalla, U Mela Le!, Pezzettini, Tgħid Veru?, Flimkien u Sibt Familja. Rajnieha wkoll bħala attriċi fi Stejjer ta’ Wara t-Tmienja, L-Ispettur Lowell u Elf Metodu kif ukoll tat is-sehem tagħha f’numru kbir ta’ musicals.

Debbie hija miżżewwġa lil Matthew Vella u għandhom tifla, Nicole, li rrappreżentat lil Malta fl-aħħar edizzjoni tal-Miss World.

Awguri Debbie!

Julie Ann Zahra twieldet bħal-lum fl-1982. Hija qed tiċċelebra għeluq it-38 sena tagħha. Minn ċkunitha bdiet tinteressa ruħha fil-mużika u kienet tħobb timita ħafna lil Enya. Ommha Monica kienet tħeġġiġha ħafna biex tkompli din it-triq iżda sfortunatament mietet proprju fl-istess sena li Julie kienet iddebuttat fuq it-televiżjoni meta kellha 13-il sena.

Julie ġiet skoperta miz-ziju tagħha, l-awtur Joe Julian Farrugia.

Apparti l-mużika Julie kienet ukoll tirreċta u tieħu sehem f’bosta reklami promozzjonali.

Fl-2004 hija rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta On Again… Off Again flimkien ma’ Ludwig Galea. Fl-2015 reġgħet messet mal-Eurovision Song Contest meta qrat il-punti ta’ Malta fis-serata finali.

Għal perjodu ta’ żmien kienet tgħix fir-Renju Unit fejn kienet taħdem fil-qasam tal-mużika, u fl-istess waqt baqgħet titħarreġ fil-mużika. Hemmhekk ħarġet ukoll EP bl-isem ta’ No Loving.

Ritratt: Facebook/JulieZahra

Illum il-ġurnata Julie tgħix Malta. Flimkien mas-sieħeb tagħha Garret Agius għandhom tifla, Nina Mae.

Awguri Julie!