Jagħlqu numru ta’ skejjel fir-Renju Unit wara li jfeġġu każijiet ta’ coronavirus

Għexieren ta’ skejjel fl-Ingilterra u l-Wales kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom filwaqt li oħrajn bagħtu numru ta’ għalliema u studenti d-dar wara li feġġew numru ta’ każijiet ta’ coronavirus.

Ġimgħa wara li t-tfal bdew jidħlu lura fil-klassijiet għall-ewwel darba minn Marzu, numru ta’ skejjel madwar il-pajjiż kellhom jaffrontaw sfida hekk kif ġew identifikati l-ewwel każijiet.

F’Liverpool, madwar 200 student u 21 għalliema u persunal ieħor intalbu jiżolaw ruħhom wara li nstabu numru ta’ każijiet f’ħames skejjel fil-belt. F’Suffolk l-iskola kellha tagħlaq wara li ħames għalliema nstabu pożittivi għall-virus.

Fi bliet oħra fosthom Bradford, Leeds, Lancashire, Manchester, Nottingham and Leicester, xi studenti li nstabu pożittivi ntalbu jiżolaw ruħhom iżda l-iskejjel baqgħu miftuħin.

Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, l-NEU, unjin ewlenija fil-qasam tal-edukazzjoni qalet li kien hemm bżonn ta’ aktar ippjanar biex l-iskejjel jibqgħu għaddejjin f’din is-sitwazzjoni, fosthom il-bżonn ta’ aktar spazju biex l-istudenti jitqassmu aħjar”.