Jagħlqu l-għases biex joqogħdu ma’ Angelina Jolie u Brad Pitt

F’xi lokalitajiet f’Għawdex, l-għases tal-pulizija mhux qed jgħassu l-lokalità bħas-soltu, minħabba li wħud mill-uffiċjali qed jintbagħtu jissorveljaw is-sett tal-film ta' Angelina Jolie u Brad Pitt fi Mġarr ix-Xini.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li fil-ġimgħat li għaddew kienu qed jintbagħtu erba’ uffiċjali tal-pulizija, tnejn bejn is-6am u s-1pm, u tnejn oħra bejn is-1pm u s-6pm. Fl-aħħar jiem, dawn tnaqqsu għal żewġ uffiċjali – wieħed filgħodu u ieħor wara nofsinhar. 
Hu mifhum li f’każi simili, il-Korp tal-Pulizija qatt ma kien jibgħat uffiċjali waqt il-ħin tax-xogħol, iżda dawn kienu jiġu mħallsa individwalment mill-kumpanija li tkun talbet għas-servizz tal-pulizija.
Infurmati wkoll li minn Awwissu se jiġu stazzjonati wkoll suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta biex iżommu l-pubbliku ‘l bogħod.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qalet li “din iż-żona bdiet tattira ħafna nies minħabba li qed jinbena s-sett tal-film.” Żiedet tgħid li “għaldaqstant inħass il-bżonn li jkun hemm pulizija jikkordinaw iż-żona biex il-bajja tibqa’ miftuħa għan-nies u fl-istess ħin ikompli x-xogħol fuq il-bini tas-sett.”
Xi mistoqsijiet fosthom għal liema raġuni ma ġietx adottata l-istess prassi li kienet tintuża f’każi simili, ma ġewx imwieġba.
Il-ġbid tal-film se jibda fl-aħħar ta' Awwissu, se jdum għaddej madwar tmien ġimgħat u se jfisser €20 miljun fl-ekonomija Għawdxija.
Ritratt: Franco Tabone