Jagħlaq uffiċjalment l-istaġun tal-futsal bil-Laqgħa Ġenerali Annwali

Dalgħodu saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Futsal Malta Association fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fejn ingħata rendikont kemm amministrattiv kif ukoll finanzjarju fuq l-istaġun li għadu kemm spiċċa kif ukoll xi objettivi futuri li għandha din l-assoċjazzjoni.
Il-President tal-Futsal Malta Association, il-Perit Mark Borg, stqarr kemm dan l-istaġun kien impenjattiv sabiex ħareġ l-aspett pożittiv tiegħu.
Hu fisser kemm kien importanti s-sottokumitat li flimkien mal-assoċjazzjoni ħadmu qatigħ sabiex joħorġu regoli ċari.
Mark Borg qal li bil-Kunsill il-ġdid inħoloq lig bilanċjat u eċitanti bi klabbs partikolari jiġġieldu għall-unuri finali sabiex fl-aħħarnett Luxol rebħu l-Kampjonat.
Semma’ kif is-sistema tal-ID Cards għal plejers u uffiċjali kif ukoll il-korsijiet kontinwi li qed isiru tejbu aktar il-livell organizattiv tal-logħba.
L-FMA qed timmira li jkollha faċilitajiet fejn ikunu jistgħu jiġu organizzati l-kompetizzjonijiet kollha fi ħdanha.
Ittieħdu wkoll voti fuq xi emendi prinċipalment fuq il-limitu ta’ plejers barranin fil-court li se jkunu tnejn jilagħbu fl-istess ħin.
Fl-aħħarnett tqassmu xi trofej fejn Swieqi Utd u Siġġiewi FC rebħu l-Fair Play Award għal Kampjonat Premier u l-Ewwel Diviżjoni rispettivament.
Celino Alves rebaħ il-plejer tas-Sena fil-Kampjonat Premier waqt illi  Zvezdan Vukovic ġie rikonoxxut bħala l-aqwa plejer tal-Ewwel Diviżjoni.
B’hekk intemm uffiċjalment staġun ieħor amministrattiv tal-Futsal lokali.