Jagħlaq sninu u qiegħed kwarantina. Għaraftu?

Awguri lill-attur u preżentatur Joseph Borg, magħruf bħala Ġorġ tad-Doughnuts, li lum qed jiċċelebra għeluq l-44 sena tiegħu. Twieled bħal-lum it-30 ta’ Awwissu tal-1976. Għal Ġorġ din is-sena qed ikollu jiċċelebra għeluq sninu b’mod differenti minħabba li jinsab fi kwarantina. Kien jinsab imsiefer u jumejn qabel ma wasal lura sar jaf li l-ġenituri tiegħu kellhom il-coronavirus.

“Malli sirt naf is-sitwazzjoni tal-ġenituri tiegħi kien hemm min stedinni biex noqgħod għandu imma jien għażilt li nmur fid-dar biex nieħu ħsieb il-ġenituri tiegħi,” beda biex jgħidilna Ġorġ. Hu qal li mal-wasla lura mis-safar sab il-ġenituri bla saħħa u għalhekk beda mill-ewwel jieħu ħsiebhom.

“Ovvjament qagħdt attent u nilbes il-maskra u kont prudenti ħafna u ħadt il-prekawzjonijiet kollha,” kompla jirrakkonta hu ma’ newsbook.com.mt.

Diġà għamel xi testijiet u għandu kwarantina sa nhar it-Tlieta.

“Li tieħu ħsieb persuni bil-coronavirus ma jfissirx li se jkollok il-virus inti wkoll. Madanakollu b’mod responsabbli ħadt il-prekawzjonijiet kollha u qed nibqa’ d-dar u għamilt it-testijiet,” kompla jistqarr hu.

Joseph beda l-karriera tiegħu fuq il-palk, l-ewwel mal-kumpanija Teatru Rjal u wara mal-Bronk. Kien kiseb suċċess permezz tal-karattru taċ-Ċiniż fis-sensiela Qegħdin Sew. Il-laqam ta’ “Ġorġ tad-Downuts” ingħatalu wara li kien deher f’karattru jbiegħ id-doughnuts waqr is-sitkom ta’ Gawdenz li kienet tixxandar fuq l-istazzjon One.

Maż-żmien beda jippreżenta wkoll programmi fuq il-U-TV u wara Family TV u aktar tard fuq l-istazzjon One. Għamel 10 snin jippreżenta programm ta’ kuljum. Għalkemm mhux narawh fuq it-televiżjoni, Ġorġ jaħdem bħala assistent tal-produzzjoni fil-programm Kalamita li se jkun qed jirritorna fuq l-istazzjon One mill-aħħar ġimgħa ta’ Settembru.

Apparti l-involviment tiegħi fuq it-televiżjoni u t-teatru, Ġorġ bħalissa jinsab ukoll jsitudja beix jikseb il-BA Honors fis-Social Wellbeing. Jaħdem bħala Supporting Social Worker ma’ dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

F’dan il-jum ta’ għeluq sninu, u minkejja li jinsab fi kwarantina, nawguraw lil Ġorġ l-isbaħ xewqat.