Jagħlaq il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema peress li marru persuni bil-coronavirus

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ħabbar li se jagħlaq l-uffiċċju tiegħu għalissa billi kien hemm nies li għandhom il-coronavirus li marru hemmhekk.

Fuq Facebook il-Kunsill ħabbar li ħa din id-deċiżjoni għas-sigurtà tal-impjegati u tar-residenti.

Huma avżaw li m’hemmx bżonn paniku, filwaqt li spjegaw li qegħdin jagħtu din l-informazzjoni biex dawk il-persuni li marru l-Kunsill f’din l-aħħar ġimgħa jiddeċiedu jekk iridux jagħmlu t-test għall-coronavirus.

We wish to inform that persons who entered the Local Council over the past few days have tested positive for COVID-19….

Posted by Tas-Sliema Local Council on Wednesday, August 19, 2020

Il-Kunsill żied jgħid li fl-aħħar xhur, ittieħdu miżuri biex jiġi limitat il-ħin li wieħed iqatta’ hemmhekk, iżda l-individwi xorta waħda huma mħeġġin jagħmlu t-test tal-coronavirus ta’ sikwit jekk huma ta’ spiss imorru f’postijiet pubbliċi.

Minn għada, għandhom jibdew jitwieġbu t-telefonati ta’ dawk li jkollhom bżonn jagħmlu kuntatt mal-Kunsill Lokali. Il-ħaddiema qed jużaw sistema sabiex iwieġbu t-telefonati mid-djar tagħhom. Min ma jinqediex huwa mħeġġeġ jibgħat email fuq sliema.lc@gov.mt.

Illum kien hemm 47 każ ġdid tal-coronavirus, biex issa t-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 677.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn