Jaf tibda tara reklami ta’ dan il-post turistiku fuq Facebook

visitpafos.org.cy

Bord tat-turiżmu f’Ċipru qed jipprepara kampanji fuq il-midja soċjali biex iħajjar aktar Maltin isiefru lejn Paphos.

Skont rapport fuq is-sit In-Cyprus, il-bord reġjonali turistiku ta’ Paphos se jkun qed jagħmel kampanji f’Malta u fil-Libanu biex jikkapitalizza mit-titjiriet diretti li se jibda jkun hemm miż-żewġ pajjiżi minn Ottubru. Paphos huwa reġjun fil-Lbiċ ta’ Ċipru li jgawdi minn bajjiet u siti storiċi.

Skont In-Cyprus, il-bord qal li diġà għamel kuntatt mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) kif ukoll ma’ operaturi tat-tours. Dan bl-għan li jippromwovu t-turiżmu lejn Paphos.

Intqal li mhux ħafna Maltin jafu b’Paphos minħabba n-nuqqas ta’ titjiriet diretti. Hemm pjanijiet li ġurnalisti u operaturi tat-tours imorru lejn Paphos. Pjanijiet oħra jinkludu kampanji fuq il-midja soċjali.

Aktar kmieni din is-sena, il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret li se tkun qed toffri titjiriet diretti bejn Malta u Paphos fix-xitwa.