Jaf jitkeċċew aktar tfal minn Malta – rapporti

Read in English.

Hemm 19-il tifel u tifel oħra li jafu jitkeċċew minn Malta. Dan għaliex il-ġenituri tagħhom li mhumiex ċittadini tal-UE u jgħixu u jaħdmu Malta ma jaqilgħux biżżejjed flus biex jieħdu ħsiebhom, skont Identity Malta. Dan ġie żvelat mit-Times of Malta.

It-Times kienet żvelat ukoll li hemm 22 tifel u tifla li jistgħu jiġu deportati. Issa il-gazzetta qed tgħid li dawn id-19 jafu jaffaċċjaw l-istess sitwazzjoni. Dan għaliex il-ġenituri tagħhom ma jissodisfawx il-kriterji ta’ politika li tgħid li għandhom jaqilgħu €19,000 fis-sena flimkien ma’ €3,800 għal kull wild.

Aktar minn 3,000 persuna ffirmaw petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt biex it-tfal jibqgħu Malta. Fosthom kien hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-Gvern Malti biex ma jkeċċix lit-tfal.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-PL Chris Fearne qal li jaħseb li l-każ daqt jissolva.

It-Times qalet li issa hemm 41 tifel u tifla li qed jaffaċċjaw deportazzjoni. Il-familji se jkunu qed jappellaw il-każijiet. It-tfal se jkunu jistgħu jibqgħu Malta sakemm jinqata’ l-appell.

Il-maġġoranza tat-tfal huma mis-Serbja però hemm oħrajn mill-Ukrajna, mill-Filippini, u mill-Maċedonja ta’ Fuq. Uħud mill-familji huma biss ftit mijiet ta’ ewro ‘l bogħod mill-kriterji stipulati. Identity Malta ma tqisx il-bonuses u l-overtime tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli qalet li Identity Malta applikat formula inqas stretta mal-ġenituri, waħda li tqis id-dħul ma’ figura eqreb lejn il-paga minima.