Jade Flask ta’ Hibernians tirbaħ il-BOV Plejer Femminili tax-Xahar għal Marzu

L-attakkant ta’ Hibernians Jade Flask hija l-BOV Plejer tax-Xahar tan-Nisa għal Marzu 2016.
Flask li għal dan l-istaġun lagħbet ma’ Hibernians b’self mingħand Fgura United, qed turi li hija forza qawwija fil-futbol tan-nisa.
Hija ngħaqdet ma’ Hibernians wara li lagħbet għal perjodu qasir mat-tim Żvediż, Ange IF, matul is-sajf li għadda. Il-prestazzjonijiet tagħha kienu dejjem fuq skala għolja, b’mod speċjali fir-rebħa ta' Hibernians fuq Pembroke Athleta bl-iskor ta' 5-1 u d-dro ta’ 1-1 tagħhom kontra Mġarr.
Jade Flask kellha wirja tajba wkoll fil-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Malti fit-Tazza Aphrodite.
Marica Ellul, il-Maniġer tal-Fergħa ta’ Raħal Ġdid tal-Bank of Valletta ppreżentat it-Trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar tan-Nisa għal Marzu 2016 lil Flask.