Jacob Zerafa jikseb aktar esperjenza f’kompetizzjoni tal-BMX fl-Awstrija

L-Għawdxi Jacob Zerafa ħa sehem fil-Kampjonat BMX li sar f’Alpeadria f’Muhlen, l-Awstrija. Din kienet it-tieni esperjenza internazzjonali għalih wara li kien ħa sehem fil-BMX Cup li ttellgħat f’Verona.

Jacob ikkwalifika għall-Finali ta’ Grupp A fir-Rawnd numru 11 biex b’hekk għadda għall-fażi finali billi daħal darba l-ewwel u darbtejn fit-tielet post. Fit-tieni ġurnata tat-tlielaq sfortunatament ma żammx il-pass tal-ġurnata ta’ qabel fejn fit-12-il rawnd u spiċċa t-tielet fil-Finali tal-kategorija ta’ Grupp B.

Din il-parteċipazzjoni ta’ Jacob kienet possibli bl-għajnuna li dejjem isib mill-ġenituri tiegħu fejn fil-fatt kienu huma li akkumpanjawh ġewwa l-Awstrija. Bla dubju din kienet esperjenza internazzjonali ferm utli u li se tkompli tgħin lil Zerafa biex itejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu sa minn din l-età żgħira tiegħu.