Jacinda Ardern tirbaħ l-elezzjoni fi New Zealand

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern rebħet l-elezzjoni ġenerali b’49% tal-voti fl-elezzjoni li kellha ssir aktar tard mid-data oriġinali kawża tal-imxija tal-pandemija Covid-19. Il-Partit Konservattiv aċċetta t-telfa elettorali hekk kif kiseb 27%.

Ardern, li ġiet ikkonfermata bħala l-PM tal-pajjiż, qalet li dan huwa l-ikbar appoġġ li qatt wera l-elettorat fl-aħħar 50 sena.

L-elezzjoni saret fl-isfond tal-Covid-19, u r-restrizzjonijiet stretti imposti mill-Gvern ta’ New Zealand biex iżomm il-marda milli tinxtered. Dan sarraf f’rata ta’ infezzjoni u mwiet fost l-iktar baxxa fid-dinja, iżda kien ukoll sors ta’ kritika minħabba li l-ekonomija ħadet daqqa ta’ ħarta kbira.

L-elezzjoni kienet fil-fatt meqjusa bħala referendum fuq il-pożizzjoni tal-Gvern fir-rigward tal-Covid-19, kif ukoll proposti progressivi li l-Partit Laburista wiegħed li jmexxi ‘l quddiem.