Jabbandunaw medjazzjoni għall-paċi fil-pajjiż

L-Isqfijiet Kattoliċi fil-Kongo abbandunaw it-tentattivi li kienu qed jagħmlu biex iwasslu għal ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-pajjiż biex jaqsmu l-poter bejniethom, waqt li kompliet tikber u tinxtered il-vjolenza fil-pajjiż.
L-Arċisqof Marcel Utembi Tapa, President tal-Konferenza Episkopali qal li l-aħħar negozjati politiċi li saru ma tawx sodisfazzjon lill-poplu tal-Congo. L-isqfijiet komplew jaħdmu maż-żewġ naħat sa l-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, iżda l-partijiet kollha kienu qed jirtiraw il-kunsens li kienu qablu fuqu sa ftit żmien qabel fuq numru ta’ kwestjonijiet.
F’konferenza tal-aħbarijiet fit-28 ta’ Marzu l-Arċisqof qal li ma kienx hemm rieda politika sinċiera li setgħet twassal għal ftehim. Għalhekk l-isqfijiet ħassew li għandhom iġibu għall-attenzjoni tal-pajjiż u tal-komunita’ internazzjonali, dan l-istaġnar fit-taħditiet għax l-atturi politiċi u soċjali fil-pajjiż la kellhom ir-rieda u anqas il-ħila li jaslu għal kompromess.
L-Arċisqof Utembi qal li l-konferenza episkopali tħoss li n-negozjati għat-tqassim tal-poter li bdew wara ftehim għall-paċi li kien intlaħaq fuq inizjattiva tal-Knisja fl-aħħar tas-sena li għaddiet, issa kienu fallew għax il-politiċi involuti naqsu milli jpoġġu bħala prijorita il-ġid tal-poplu u tal-pajjiż.
Issa imiss lill-President tal-pajjiż –Joseph Kabila –  li jsib mezz kif jimplimenta l-ftehim dwar Gvern ta’ għaqda nazzjonali li jista’ jwassal biex fil-pajjiż isiru l-elezzjonijiet għall-Parlament u għall-Presidenza.
L-Isqfijiet fil-Congo kienu ħadu l-inizjattiva tal-medjazzjoni wara li l-Oppożizzjoni fil-pajjiż kienet akkużat lill-President Kabila li ried jibqa’ fil-poter wara l-20 ta’ Diċembru li għadda meta kien jintemm it-tieni u l-aħħar terminu presidenzjali tiegħu.  Skont il-ftehim li ntlaħaq fl-aħħar tas-sena il-President kellu jibqa’ fil-poter sakemm isiru elezzjoniet sa l-aħħar tal-2017 filwaqt li jkun hemm Gvern immexxi minn Prim Ministru nominat mill-Oppożizzjoni.
Iżda kollox baqa’ kif kien wara li fl-1 ta’ Frar, miet il-Kap tal-Oppożizzjoni Etienne Tshisekedi li kellu jmexxu Kunsill ta’ Transizzjoni Nazzjonali b’28 membru.