​Iżżidux il-pensjoni tal-MPs qabel dik tal-poplu – Godfrey Farrugia

Il-Membru Parlamentari (MP) tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li m’għandha ssir l-ebda riforma fil-pensjoni tal-MPs qabel “kulħadd ikun garantit pensjoni li tagħti għajxien ta’ ħajja dinjituża”.
Fi stqarrija, Dr Farrugia qal li wara ħames snin ta’ Gvern Laburista, għad hemm nies “li jridu jgħaddu b’pensjoni li tiggarantilhom biss faqar”. Saħaq li l-ħajja tal-pensjonanti qed tkompli tiggrava minħabba l-għoli tal-ħajja.
Farrugia qal li hu telaq mill-Partit Laburista għax ma qabilx “mat-triq ta’ diżunur” li qabad Muscat.
Godfrey Farrugia fakkar fil-kritika li l-PL kellu għaż-żieda ta’ €500 lill-membri tal-Kabinett taħt il-Gvern Nazzjonalista.
Skont Farrugia, il-Gvern Laburista jaħseb għalih innifsu u għal dawk ta’ ġewwa. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia huwa kopja tal-PL.